“Pazjent sofferenti għandu dritt għall-ewtanasja”

  • Apr 04, 2019 08:43
  • Miktub minn Carmen Cachia
"

    Jgħid dan Roger Tirazona, għalliem tal-Etika u Umanist…

    “Ma rridux inħallu li l-vuċijiet reliġjużi estremisti jtappnu u jilluppjaw is-sensittività u l-kompassjoni li għandna bħala bnedmin biex nifhmu l-importanza li l-pazjent sofferenti għad għandu d-dritt tal-awtonomija u l-għażla għal mewta tajba.” Sostna dan Roger Tirazona, għalliem tal-Etika u Umanist li tkellem magħna fid-dawl tal-abbozz ta’ liġi ppreparat fil-Kanada li bih il-minuri jkollhom id-dritt għall-ewtanasja anke mingħajr il-kunsens jew l-għarfien tal-ġenituri tagħhom. L-ewtanasja għall-minuri hija legali f’żewġ pajjiżi Ewropej - l-Olanda u l-Belġju - fejn fost l-iżgħar pazjenti li għażlu l-mewta assistita kien hemm tifel ta’ disa’ snin.

    Roger Tirazona jikkwota l-filosfu Ronald Dworkin, li kien qal li, ‘hija forma ta’ tirannija odjuża u devastanti, li ġġiegħel persuna tmut b’mod li jogħġob lil ħaddieħor kontra qalbha’.  Huwa qal li permezz tal-għarfien u diskussjoni etika bbażata fuq ir-raġuni u x-xjenza medika u mhux l-isterja kkawżata mill-estremisti relġjużi, ċert li jekk l-ewtanasja tiġi legalizzata f’Malta nistgħu nsibu kompromess bejn il-protezzjoni tal-benesseri ta’ persuni vulnerabbli, biex l-ewtanasja ma ssirx strument ta’ abbuż, kif ukoll il-protezzjoni u r-rispett tad-dinjità u l-awtonomija tal-pazjent.

    Tirazona kkonferma li l-Kanada mhix se tkun l-ewwel pajjiż li llegalizza l-ewtanasja fuq il-minuri, li hija konsiderazzjoni etika importanti fejn tidħol liġi li tirregolarizza l-ewtanasja, iżda żied jgħid li l-abbozz tal-Kanada mhux eżatt bħal tal-Belġju.  “Qabel wieħed jibda jiddiskuti fil-fond, l-ewwel irid jifhem li rridu noqogħdu ħafna attenti kif nindirizzaw dan is-suġġett, għax jitratta dwar mumenti diffiċli ta’ vulnerabbiltà u sofferenza,” qal l-għalliem tal-etika. 

    Tirazona jemmen li rridu noqogħdu ħafna attenti wkoll fuq is-sors tal-informazzjoni tagħna.  Huwa qal li, “irridu naraw l-abbozz sew b’għajnejna qabel ma ninkwetaw u rridu nuru xettiċiżmu qawwi lejn setturi tal-media sensazzjonali li skont hu għandhom aġenda estrema reliġjuża fundamentalista, li jippruvaw jgħawġu kemm jifilħu l-aħbarijiet, speċjalment dawk li jirrigwardjaw bioetika li ma taqbilx mat-twemmin tagħhom.”

    In-nuqqas tad-dritt tal-ewtanasja jikkaġuna tortura…

    L-għalliem qal li l-istrateġija ta’ dawn in-nies hija li jġiegħlu lin-nies jaraw kwistjonijiet morali diffiċli u kkumplikati bħall-ewtanasja f’abjad u iswed, milli tipi differenti ta’ ġriż.  “Mhux kemm tiddeċiedi l-affarijiet kif ġieb u laħaq, imma sadanittant persuni b’każijiet ġenwini li qegħdin jitolbu għall-ewtanasja fis-sofferenzi tagħhom jeżistu u n-nuqqas ta’ dan id-dritt qed jikkaġuna tortura għal dawn in-nies,” saħaq Tirazona.

    Huwa qal li l-ewtanasja tista’ tiġi llegalizzata b’diversi modi fejn jekk inħarsu lejn il-Belġju, l-ewtanasja għall-minuri llegalizzata b’mod volontarju, jiġifieri jekk il-pazjent jkun iridha u jagħti l-kunsens tiegħu. Fl-opinjoni tiegħu biex tiġi mħarsa d-dinjità u l-awtonomija tal-pazjent, il-liġi trid tkun strument preċiż u mingħajr ambigwità u b’hekk ikun hemm ħafna miżuri biex jipproteġu l-benesseri tal-pazjent u jżommuh ‘l bogħod minn abbużi. Differenza li hemm bejn il-liġi tal-Belġju u l-liġi tal-Olanda hija li l-Belġju m’għandux limitu ta’ età għall-ewtanasja volontarja fuq minuri, filwaqt li fl-Olanda l-limitu huwa ta’ 12-il sena.  

    Iżda l-Belġju jispeċifika wkoll li t-talba biex issir l-ewtanasja trid tiġi evalwata minn tim ta’ tobba u psikologi, li jiddeċiedu flimkien li l-minuri jikkwalifika għaliha għax għandu biżżejjed kompetenza biex jagħti l-kunsens u fil-Belġju jrid ukoll jingħata l-kunsens tal-ġenituri tal-minuri. Hawnhekk ikun deċiż jekk il-minuri hux qiegħed fi stat ta’ sofferenza kontinwa terminali irrevokabbli jew le, li ma jistax jiġi mmaneġġjat u li l-kundizzjoni xorta se tikkawża mewt imminenti.  “B’hekk li ttawwal il-ħajja tkun qiegħda tikkawża tortura minflok terapija u fejn il-kura paljativa ma tkunx tista’ toffri xejn għajr li ttellef lill-pazjent minn sensieh sal-mewt,” kompla l-umanist.

    Hawnhekk Tirazona qal li l-konsiderazzjoni etika mela hija - x’jiġri mela jekk il-ġenituri ma jagħtux il-kunsens għall-ewtanasja u l-minuri jagħtiha u għandu l-kompetenza biex jagħti l-kunsens u qed jifhem xi tfisser id-deċiżjoni? Huwa qal li kull każ ta’ bioetika jrid jiġi trattat bħala każ uniku u l-każijiet ta’ ewtanasja wkoll iridu jiġu kkonsidrati każ, każ.  

    “Ma nimponux il-ħajja b’mod egoistiku…”

    Peress li l-ewtanasja fuq minuri hija xi ħaġa mhux komuni Tirazona qal li m’għandniex biżżejjed narrattivi biex nieħdu bħala eżempju, speċjalment għax f’dawn il-mumenti ta’ sofferenza gravi, il-ġenituri se jagħżlu, bħalma fil-fatt diġà ġara fil-Belġju, li jagħtu l-kunsens tagħhom flimkien ma’ ta’ wliedhom.  

    “Ħafna drabi t-twemmin tagħna l-bnedmin u l-emozzjonijiet jgħelbu l-kapaċità tar-raġuni u rridu noqogħdu attenti li ma nimponux il-ħajja b’mod egoist, fuq bnedmin oħra li dawn ma jriduhiex, għax nibżgħu mit-telfa tagħhom.  Allura nistaqsi, huwa sew li pereżempju tifel ta’ 12-il sena qed jiġi mġiegħel jgħaddi minn sofferenza li wieħed qajla jista’ jimmaġina, avolja jkun ripetutament staqsa biex tintemm ħajtu, għax il-ġenituri ma tawx kunsens għal xi raġuni jew oħra?” staqsa l-umanist.

    Huwa kompla jgħid li forsi b’pika, forsi b’egoiżmu, forsi b’nuqqas ta’ qbil bejn l-omm u l-missier u sadanittant it-tifel qed ibati. Mistoqsija oħra li jistaqsi hi, “għandhom it-tfal li juru kompetenza li jagħtu l-kunsens lit-tobba u l-psikologi ripetutatment, ikollhom aktar awtonomija mill-ġenituri tagħhom? Jew se nħarsu lejn it-tfal b’kompetenza, bħala proprjetà tal-ġenituri minflok bħala persuni awtonomi u ta’ dinjità individwali?”

    “Kif għidt qabel, wieħed irid jara narrattivi kkomplikati u sensittivi bħal dawn, fil-kuntest reali tagħhom. Jien nixtieq inkun ottimist u ngħid li ħafna drabi l-ġenituri li jkunu f’din is-sitwazzjoni se jagħtu widen għal dak li se jgħidu wliedhom u għal dak li se jgħidu l-professjonisti wkoll,” qal Tirazona. 

    Huwa jemmen li meta jkun hemm deċiżjoni kollettiva bbażata fuq l-għarfien u l-komunikazzjoni effettiva, il-kunsens tal-ġenituri, għal dak li jsir li huwa għal benesseri ta’ wliedhom, se jingħata.  Fl-opinjoni tiegħu l-kumplikazzjoni ta’ dawn il-każijiet joħolqu ħafna dilemmi, li wieħed irid jiddiskuti ma’ professjonisti u esperti minn pajjiżi fejn diġà l-ewtanasja hija legali biex nitgħallmu minn għandhom.

    Roger Tirazona huwa għalliem tal-Etika u umanista u mhux neċessarjament jirrappreżenta l-opinjonijiet tal-għalliema kollha tal-Etika, il-Ministeru tal-Edukazzjoni jew tal-Assoċjazzjoni tal-Umanisti Maltin.

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

    0