KappelliMaltinTitleBanner

 

Tal-Balal-ver01
New Logo - Kappelli Maltin - White SMALL

 

Ritratt - Noel Ciantar

Il-Knisja ta’ San Bażilju
~ Imqabba ~

Il-knisja ta’ San Bażilju nistgħu ngħidu li hija teżor Imqabbi f’kull sens: minħabba l-qedem tagħha, minħabba l-arkitettura Normanna li fiha, l-uniċitą tad-dedikazzjoni tagħha f’pajjiżna kif ukoll minħabba l-fatt li serviet għal diversi snin bħala l-knisja parrokkjali tal-Imqabba.  Hawnhekk tajjeb li niċċaraw punt li spiss jitħalla barra. Il-parroċċa tal-Imqabba kienet minn dejjem iddedikata lill-Assunta minkejja li fl-ewwel snin il-knisja parrokkjali kienet proviżorjament dik ta’ San Bażilju. 

Il-parroċċa tal-Imqabba

Meta seba’ Mqabbin missirijietna għamlu s-supplika tal-1595, ix-xewqa tagħhom kienet li l-knisja l-antika tal-Assunta ssir parroċċa.  Dan jidher ċar mill-kundizzjonijiet li għamlu lill-Isqof Tumas Gargallo fil-petizzjoni li ppreżentawlu:

    “huma wiegħdu li joħorġu ħames skudi fis-sena biex iżommu jixgħel il-lampier ta’ quddiem is-Sagramnet fil-knisja tal-Assunta, u li joħorġu wkoll 16-il skud u 6 irbajja fis-sena għall-manteniment ta’ dak li jinħatar bħala kappillan jew kurat tal-knisja li kienet sejra tiġi ddikjarata parroċċa. […] Imma l-flus ma kienux se joħorġuhom jekk il-knisja tal-Assunta tal-Imqabba ma tinqatax għal kollox minn dik ta’ Birmiftuħ.  Is-somma mwiegħda kienet sejra toħroġ kull sena nhar il-festa ta’ Santa Marija Assunta, jiġifieri fil-15 ta’ Awissu.”

Għal raġunijiet ta’ pastorali, l-Isqof waqqaf il-parroċċa taħt il-patroċinju li għadha żżomm sal-lum, dak ta’ Santa Marija, imma ordna biex il-knisja ta’ San Bażilju, peress li kienet l-ikbar waħda, tintuża bħala l-knisja ewlenija sakemm tinbena knisja akbar iddedikata lill-patruna tar-raħal.  L-istorjografu Mqabbi Dun Lawrenz Zammit fil-ktieb tiegħu tal-1927  “Descrizioni storica tal Cnisia Parrochiali tal Imkabba” jgħidilna li l-Isqof Gargallo “ghazel mil Matric ta’ Birmiftuh il-Cnisja tal Imkabba u ghamilgha Parroccia gdida ghaligha, taht ittitolu tal Assunzioni ta’ Maria V.

Il-knisja ta’ San Bażilju

Il-bidu tad-devozzjoni fl-Imqabba lejn dan il-qaddis kbir tal-Knisja Orjentali mhux magħruf. Hemm min jaħseb li xi nies barranin ħarbu minn pajjiżhom fiż-żminijiet tan-nofs meta l-Musulmani kienu qed jidħlu fl-Ewropa, sabu r-refuġju f’Malta fl-inħawi tal-Imqabba u bnew knisja lill-qaddis li kienu jqimu f’pajjiżhom.

 

Ritratt - Noel Ciantar

 

Minn studji li saru f’dwan l-aħħar snin nafu li din il-knisja kienet diġą teżisti fis-sena 1486.  Kienet iżgħar milli hi llum – fil-fatt dak li llum nafuh bħala ‘l-altar tal-ġenb’, oriġinarjament kien l-altar prinċipali, u l-bieb ta’ quddiemu, li llum jagħti għall-kamrun, qabel kien il-bieb ewlieni li jagħti għat-triq.  Tkabbret diversi drabi, l-aħħar darba kien fl-1515, meta ħadet il-forma li għanda llum.

Mill-viżti pastorali li saru matul is-sekli, nistgħu nibnu ħjiel dwar l-istorja ta’ din il-knisja, l-unika waħda f’Malta ddedikata lil dan il-qaddis.  Nafu li fl-1575 fuq l-altar maġġur kien hemm ikona ċkejkna, li nassumu kienet tirrappreżenta lil dan il-qaddis.  Il-knisja kienet fqira ħafna.  Fiha kienet tiġi ċċelebrata quddiesa fil-Ħdud u l-festi u fl-14 ta’ Ġunju kienet tiġi ċċelebrata festa devozzjonali f’ġieħ il-qaddis patrun.  Din hija d-data li fiha, skont it-tradizzjoni, Bażilju ġie ordnat saċerdot.   Nafu li f’daż-żmien kellha wkoll xi altari laterali li ma setax isir quddies fuqhom.

L-unika viżta pastorali li saret meta din il-knisja kienet mgħollija għal ġieħ ta’ knisja parrokkjali kienet fis-7 ta’ Diċembru 1600, fi żmien l-isqof Gargallo.  F’daż-żmien il-knisja kellha fonti tal-magħmudija ħdejn il-bieb ta’ barra, pissidi tal-injam indurat, tabernaklu xieraq tal-injam u kwadru titulari ġdid bi tliet lampieri quddiemu.  Dan nafuħ mill-viżti pastorali tal-isqof Gargallo.  Il-kwadru titulari kien ikona fuq l-injam, trittiku ta’ stil Biżantin, li fih kien juri lill-Madonna fiċ-ċentru, waqt li fil-ġnub tagħha kien hemm San Bażilju u San Ġużepp.   Hemm min jaħseb li l-fatt li l-Madonna kienet tpoġġiet fiċ-ċentru tal-kwadru titulari jixhed li minkejja li l-knisja kienet iddedikata lil San Bażilju, il-festa prinċipali kienet waħda tal-Madonna, presumibilment ta’ Santa Marija.  Manuskritt antik li jinsab fil-Bibljoteka Nazzjonali jagħti xi dettalji dwar dan il-kwadru: il-Madonna kellha fi ħdanha lil Ġesł bambin u f’idha x-xellugija kienet qiegħda żżomm palma, waqt li fuqha kien hemm jidher il-Missier Etern.  Taħt San Bażilju kien hemm miktub “Basili Magni Episcopi” waqt li taħt San Ġużepp kien hemm “Joseph Confessoris Spon B.M.V.”.  Taħt il-Madonna mbagħad kien hemm “DE Auxilis Istam pinxit. Anno. DML 1584”.  B’hekk nafu li din l-ikona kienet tas-seklu sittax, u li żgur mhux l-istess kwadru titulari li jissemma fl-1575.

Il-viżta tgħidilna wkoll li kien hemm żewġ altari oħra, dak tax-xellug iddedikat lill-Madonna tar-Rużarju, mogħni b’pittura, b’lampier u tiżjin ieħor.  Fuq dan l-altar fl-1596 kienet twaqqfet il-fratellanza tal-Madonna tar-Rużarju, l-ewwel fratellanza fir-raħal tal-Imqabba, dik li kienet l-ewlenija fit-tixrid ta’ devozzjoni vera lejn il-Madonna.  Kienet torganizza purċissjoni fl-ewwel Ħadd ta’ kull xahar, u l-festa tal-Madonna tar-Rużarju fl-ewwel Ħadd ta’ Ottubru.  L-altar tal-lemin kien iddedikat lill-Viżitazzjoni tal-Madonna lil Santa Eliżabetta, u kellu wkoll pittura.

Il-knisja fis-seklu sbatax

Eżattamnet ħmistax-il sena u jumejn wara, nhar id-9 ta’ Diċembru 1615, saret viżta pastorali mill-isqof il-ġdid ta’ Malta, Baldassare Cagliares, l-ewwel isqof Malti wara l-1299.  Is-sede parrokkjali kienet diġą ġiet trasferita fil-knisja l-ġdida ddedikata lil Santa Marija Assunta, u minħabba f’hekk il-knisja ta’ San Bażilju kienet tilfet ħafna mill-importanza li kellha.  Madankollu ma kienetx mitluqa.  Bastjan Schembri kien jieħu ħsieb jixgħel il-lampier ta’ quddiem il-kwadru titulari, li kien għadu dak it-trittiku Biżantin, kif ukoll biex jorganizza l-quddiesa tal-festa ta’ San Bażilju.  Din id-darba jissemma’ lampier wieħed, mhux aktar tlieta.  Ma nafux sewwasew x’sar minn din l-ikona.  Jidher illi baqgħet tokkupa l-post bħala kwadru titulari sakemm saret il-pittura li hemm illum fl-1677.  Wara, dan tpoġġa fuq wieħed mill-altari tal-ġenb.  Dan nafuh għax jissemma fil-manuskritt li hemm refernza għalih aktar ‘il fuq.  Hija tassew ħasra li dat-trittiku ntilef.

 

Ritratt - Caroline Busuttil

 

L-altar tar-Rużarju u l-fratellanza kienu trasferiti għall-parroċċa u għalhekk ma kienux għadhom jeżistu fil-knisja ta’ San Bażilju.  L-altar u l-kwadru tal-Viżitazzjoni kienu għadhom hemm u jgawdu ċerta devozzjoni.  Dan tneħħa u ttieħed fil-knisja parrokkjali xi żmien wara din il-viżta.

Wara dan ma sarux aktar viżti pastorali f’din il-knisja.  L-użu tagħha jihder li baqa’ għaddej kontinwament għall-quddies.  Fil-pesta tal-1675 il-knisja u z-zuntier tagħha servew ta’ ċimiterju.  Fost il-vittmi ta’ din il-marda qalila kien hemm il-kappillan ta’ dak iż-żmien Dun Dumink Pace flimkien ma’ żewg saċerdoti oħra: Dun Valerju Zammit u Dun Luqa Zammit.  It-tlieta jinsabu midfunin fil-knisja ta’ San Bażilju u l-monument li naraw fuq iz-zuntier, magħmul fl-1677, huwa mafkar f’ġieħhom. 

Fl-istess sena sar il-kwadru titulari li naraw illum.  Dan iġib fil-parti ta’ fuq tiegħu lis-Santissma Trinitą; fuq in-naħa tal-lemin tagħhom hemm Ommna Marija tal-Grazzji bil-ħalib ħiereġ minn sidiriha; fuq in-naħa tax-xellug hemm xbieha tal-Patrijarka San Ġużepp.  Dan jidher bil-qiegħeda fuq l-isħab b’id fuq sidru u bl-oħra jżomm il-bastun tal-ġilju.  Il-ħarsa ta’ għajnejh hija mwaħħla fuq Marija, li tinsab bi drittu fin-naħa l-oħra tal-kwadru.  Artistikament dawn iż-żewġ figuri huma riflessjoni perfetta ta’ xulxin, sew fil-qagħda kif ukoll fl-ilbies.  Fil-parti t’isfel imbagħad naraw lil San Bażilju Isqof fuq il-lemin u lil San Rokku fuq ix-xellug, u bejniethom hemm l-erwieħ tal-Purgatorju. Fil-pajżaġġ li jidher bejn dawn il-figuri, fejn hemm tiċrita kerha fit-tila, jidhru xi nies qed jittrasposrtaw l-iġsma ta’ dawk li mietu bil-pesta.  Oriġinarjament dan kien imdenel fin-niċċa normanna li hemm fil-ħajt, iżda meta tpoġġa l-altar tal-ġebel li hemm illum, fil-bidu tas-seklu għoxrin, peress li dan kien kbir wisq, għatta sew il-pittura, li allura nqalgħet u tpoġġiet fuq l-altar isserraħ mal-ħajt.

Il-knisja fis-seklu dsatax

Fi żmien l-imblokk tal-Franċiżi, il-ġuħ u l-għaks ġab miegħu ħafna mard u b’konsegwenza ta’ hekk in-numru tal-imwiet żdied ħafna.  Il-Kungress Nazzjonali ordna biex fejn hu possibbli ma jibqgħux jindifnu nies fil-knejjes parrokkjali biex forsi l-imxija tal-epidemija tonqos.  Peress li fl-Imqabba ma kienx hawn ċimiterju, għal xi żmien reġa’ ntuża z-zuntier ta’ San Bażilju biex fih jindifnu l-mejtin. Bejn April u Settembru 1799 hemm indifnu 21 persuna, li ismijiethom għadhom jistgħu jinsabu f’manuskritt fl-arkivju parrokkjali.

Ħdejn din il-knisja fis-sena 1887 inbena wkoll kamrun, li fl-istil tiegħu jixbaħ il-binja tal-knisja ta’ San Mikiel li tinsab fuq in-naħa l-oħra ta’ din il-knisja.

Il-knisja fis-seklu għoxrin

Sal-bidu tas-seklu għoxrin nhar l-ewwel tas-sena kienet issir purċissjoni devozzjonali li kienet titlaq mill-knisja parrokkjali, iżżur il-knejjes tad-Duluri u ta’ Santa Katarina u tispiċċa fil-knisja ta’ San Bażilju, fejn kienet issir quddiesa solenni bil-kant li kienet tispiċċa bit-Te Deum.  Il-għada mbagħad, fil-festa liturġika tal-qaddis patrun ta’ din il-knisja, kien ikun hemm quddiesa kantata solenni oħra b’suffraġju tal-mejtin u kienu jitbierku l-oqbra ta’ fuq iz-zuntier.  Qabel ma l-Imqabba saret parroċċa il-purċissjoni tal-ewwel tas-sena kienet titlaq mill-matriċi u tispiċċa f’San Bażilju.

L-ewwel lezzjonijiet tad-duttrina nisranija mill-membri tal-MUSEUM, li bdew isiru fl-Imqabba f’Mejju tal-932 għall-bniet u f’Novembru tal-istess sena għas-subien, kienu jsiru f’din il-knisja antika, sakemm is-superjura Tereża Ghigo tat post ħdejn id-dar tal-familja tagħha Triq San Bażilju.

Fi żmien il-gwerra, wara li ntlaqtet il-knisja minn bomba Ġermaniża, il-knisja ta’ San Bażilju reġgħet serviet bħala s-sede uffiċċjali tal-parroċċa għal xi xhur, sakemm inebna ħajt li qata’ l-parti l-imġarrfa mill-kursija u setgħet tintuża din mill-ġdid.  Fid-9 ta’ Awissu 1942, eżattament erba’ xhur wara li waqgħet il-knisja, f’air raid li sar fil-għodu kmieni, saret xi ħsara fis-saqaf ta’ din il-knisja, li b’miraklu baqgħet wieqfa.

Wara dan intużat mill-ġdid bħala l-knisja ewlenija bejn is-16 u t-18 ta’ Awissu 1958  minħabba li l-knisja parrokkjali kienet ingħalqet għal tlett ijiem wara l-festa ta’ Santa Marija minħabba xi nkwiet li nqala’ bejn ir-reffiegħa tal-vara titulari b’konsegwenza ta’ polemika li kienet inqalgħet sena qabel u li kompliet tikber minħabba nuqqas ta’ qbil serju bejn il-każin u l-kappillan Dun Ġerald Mangion.  F’nofs dawk it-tlett ijiem, nhar is-17 ta’ Awissu 1958, fil-knisja ta’ San Bażilju (flok fil-knisja parrokkjali) saret il-quddiesa ta’ radd il-ħajr ta’ patri Joseph M. Ghigo SJ li kien ordnat saċerdot sena qabel.

L-arkitettura tal-knisja

Bħala arkitettura din il-knisja hija tassew ġawhra medjevali, ‘il-vera ruħ tal-arkitettura ekklesjastika tar-raħal’ kif jiddeskriviha Emmanuel Fiorentino, fl-artiklu tiegħu “Il-pittura tal-knejjes tal-Imqabba” fil-ktieb “L-Imqabba mal-medda taż-żmien”.  Fost l-elementi uniċi li nsibu fiha nistgħu nsemmu t-tieqa f’għamla ta’ rota fuq il-bieb prinċipali, maħduma apposta biex iddawwal aktar il-knisja minn ġewwa.  Minn ġewwa għandha forma rettangolari b’diversi arkati ippuntati – il-varjazzjonijiet fihom jixhdu d-diversi fażijiet tat-tkabbir tal-knisja.  L-istil tagħhom, kif ukoll tal-ħnejja ornamentali li naraw mal-faċċata tal-knisja minn barra jixhdu l-influenza tan-Normanni li kienu jgħixu fi Sqallija fis-sekli tan-nofs. Il-bieb oriġinarjament kien wieħed antik idur fuq għarqubu, skont l-istil li kienu jużaw għall-knejjes sekli ilu. B’xorti ħażina, ħtija ta’ nuqqas ta’ apprezzament lejn il-wirt kulturali tar-raħal mill-kappillani tal-imgħoddi, dan il-bieb tneħħa u nqered madwar erbgħin sena ilu. 

Fuq ix-xellug tal-bieb hemm tieqa kwadra mdaqqsa li hija mbarrata bi gradilja tal-ħadid sabiex wieħed ikun jista’ jinvista anke meta l-knisja tkun magħluqa.  Fuq il-lemin hemm tarġa għolja wiegħsa li setgħet isservi ta’ bankun fuq barra tal-knisja għal min kien iżurha.  Fuq il-bieb hemm it-tieqa tonda (l-“oculos”) iddekorata li diġą semmejna u fuqha hemm kampnar żgħir b’qanpiena waħda.  Il-kampnar għandu salib tal-ġebel li hu relattivament kbir.  Ta’ min jgħid li tmiss ma’ din il-knisja fuq il-lemin tagħha hemm il-knisja ddedikata lill-Arkanġlu San Mikiel.  Dawn iż-żewġ knejjes jaqsmu bejniethom iz-zuntier kemxejn imdaqqas li hemm quddiemhom.

Żball serju ieħor li sar fl-istess żmien kien meta tneħħiet iċ-ċangatura oriġinali tal-paviment biex flokha tpoġġa madum isfar li ma kienx jixraq għal knisja ta’ preġju bħal din. Wara r-restawr li sar matul din riċentament, dal-madum tneħħa u reġgħet tqiegħdet ċangatura ġdida bħal dik li kien hemm qabel.

Fl-2007 sar restawr estensiv fuq din il-kappella bit-tħabrik tal-kappilla Dun Nazzaren Caruana u ffinanzjat mill-Ministeru tal-Perit Ninu Zammit. Il-madum tneħħa u tpoġġiet ċangatura ġdida, kif ukoll sar ħafna restawr strutturali f’partijiet mill-knisja li kienu nkisru. Wara bdiet tintuża għal-laqgħat, għal xi quddies kif ukoll għal attivitajiet kulturali.  F’okkażjonijiet speċjali marbutin ma’ anniversarji tal-parroċċa u mal-festa ewlenija tal-Assunta, fit-translazzjoni ta’ lejliet il-festa ir-relikwija tal-Madonna tinġabar mill-knisja ta’ San Bażilju.

Kitba tal-Kanonku Dun Jonathan Farrugia
Ritratti ta’ Noel Ciantar, Fr. Jonathan Farrugia, Caroline Busuttil u Nikol Ciantar

Ritratt - Nikol Ciantar
Ritratt - Noel Ciantar
Ritratt - Noel Ciantar
Ritratt - Caroline Busuttil
Ritratt - Noel Ciantar
Ritratt - Noel Ciantar
Ritratt - Noel Ciantar
Ritratt - Fr Jonathan Farrugia
Ritratt - Caroline Busuttil
Ritratt - Noel Ciantar
Ritratt - Noel Ciantar

webmaster@kappellimaltin.com   [Iktbilna jekk issib links miksurin]                                                                             Noel Ciantar © 2012-2017